Inawgurati l-librerija u l-arkivji fil-Parlament
- Fil-11 ta' Marzu 2022
Fil-Parlament ġew inawgurati librerija u arkivji ġodda fil-Parlament fuq l-art tas-sit.
Il-proġett sar b'investiment ta' erba' miljun ewro provdut mill-Parlament lill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir biex jiġi amministrat il-proġett. Waqt l-inawgurazzjoni, l-Ispeaker tal-Kamra, Dr Anġlu Farrugia spjega li ż-żona użata kienet fejn beda s-servizz ferrovjarju ta' qabel u għalhekk ix-xogħol li sar kien metikoluż biex ikun żgurat li jinżamm il-valur arkitettoniku tas-sit.
Il-parti l-kbira tan-nefqa kienet iddedikata għall-arkivji li fihom dokumenti li jmorru lura għall-1845. F'parti oħra, hemm librerija ta' referenza filwaqt li spazju ieħor ġie ddedikat għal-laqgħat tal-kumitati u hemm ukoll spazju biex id-deputati jiltaqgħu b'mod informali.
Hemm ukoll uffiċċji ġodda għall-istaff Parlamentari li se jamministraw l-installazzjonijiet il-ġodda flimkien ma' scanners elettroniċi ġodda li se jinxtraw għad-dokumenti storiċi.