Xogħlijiet fuq lift ta' aċċess vertikali għall-inżul tal-vapur ta' Marsamxett għaddej
- Fis-17 ta' April 2023
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) Gino Cauchi żaru x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa f'Marsamxett, il-Belt Valletta.
Bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-belt kapitali tagħna, il-GHRC, permezz ta' fondi kemm lokali kif ukoll Ewropej, se toħloq aċċess vertikali permezz ta' lift fis-Sur ta' San Salvatore f'Marsamxett. Il-lift, li huwa wkoll miżura elettorali, se jiffaċilita l-aċċess għall-inżul tal-vapur ta' Marsamxett.
Minħabba li l-lanċa bejn il-baċiri ta' Tas-Sliema u l-Belt valletta fin-naħa t'isfel ta' din iż-żona, dan il-proġett se jiffaċilita aktar l-aċċess għas-sit kemm għall-impjegati kemm fil-lokalitajiet kif ukoll għat-turisti. Dan il-proġett mhux biss se jtejjeb l-aċċess iżda se jnaqqas ukoll in-numru ta' vetturi li jidħlu fiż-żona tal-inżul tal-laneċ filwaqt li jsaħħaħ ukoll l-aspett ekonomiku ta' Marsamxett. Is-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 680,000 passiġġier li għamlu użu minn dan is-servizz tal-laneċ.
Dan il-proġett se jitlesta fi tliet fażijiet differenti. L-ewwel fażi, li bdiet ftit tal-ġimgħat ilu, tikkonsisti fl-iskavar tax-xaft għall-lift innifsu. Taħt is-superviżjoni kostanti tal-arkeoloġi, dan l-iskavar qed isir kollu bl-idejn. Din il-fażi inizjali mistennija tiswa €700,000 li qed jiġu allokati minn fondi Ewropej.
Qed jiġu installati ċinturini tal-konkrit biex jiżguraw l-integrità strutturali tas-swar. Wieħed mix-xelters se jintuża bħala sit ta' aċċess għal-lift. Huwa ppjanat li dan il-proċess tekniku partikolari jitlesta sal-aħħar kwart ta' din is-sena.
It-tieni fażi se tkun l-installazzjoni tal-istruttura tal-lift innifisha, filwaqt li t-tielet fażi se tkun dik tal-finitura, inkluż ix-xogħol fuq iż-żona ta' ħdejn ix-xelters. Dawn iż-żewġ fażijiet se jitlestew is-sena d-dieħla. Il-fondi lokali se jintużaw għal dawn iż-żewġ fażijiet.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li dan il-proġett mhux biss se jagħti stimolu ekonomiku lil dan il-qasam, peress li aktar nies se jkunu lesti li jagħmlu użu mis-servizz, iżda se jagħmel ukoll il-vjaġġ bejn il-Belt u Tas-Sliema aktar aċċessibbli.
"Dan il-proġett se jkompli jitjieb fuq is-servizz offrut bħalissa, li fih innifsu qed itejjeb il-mobilità bejn Tas-Sliema u l-belt kapitali tagħna, peress li wieħed ikun qed jagħmel użu minn modi alternattivi ta' trasport biex jivvjaġġa. Fuq kollox, dan il-proġett se jagħmel dan is-servizz aċċessibbli għal kulħadd mingħajr ebda inkonvenjent bla bżonn," temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dan il-proġett mhux biss se jipprovdi aċċessibbiltà iżda wkoll jikkumplimenta interventi oħra li jiffukaw fuq ir-riġenerazzjoni ta' siti kulturali u l-konservazzjoni ta' assi storiċi f'din iż-żona partikolari tal-Belt Valletta.
"Il-lift huwa parti minn proġett li jiffoka fuq ir-riġenerazzjoni tan-naħa t'isfel tal-Belt Valletta, b'valur ta' €24 miljun. Il-proġett għandu l-għan li mhux biss itejjeb b'mod sostenibbli l-iżvilupp ta' Malta, b'mod partikolari, in-naħa t'isfel tal-Belt Valletta, iżda fl-istess ħin itejjeb ukoll il-kwalità tas-servizzi offruti lin-nies tal-lokal tagħna," qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.