
Inawgurat il-proġett ta' riġenerazzjoni tal-promenade
- On 26 January 2023
Il-proġett ta' promenade li jinsab fi Triq ix-Xatt Ta' Xbiex fl-Imsida tlesta fl-intier tiegħu b'investiment ta' €2 miljun u xogħol li sar mill-Proġett ta' Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC).
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi u rappreżentanti tal-kunsilli lokali tal-Imsida u Ta' Xbiex.
Il-Ministru Farrugia qal li dan l-investiment wassal għal waħda mill-isbaħ promenades f'pajjiżna, li għal darb'oħra tagħti prijorità lil dawk li jiffrekwentawh bil-mixi jew bir-rota.
"Proġett ieħor li jagħti prijorità lill-bżonnijiet tan-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom, u wieħed li jikkumplimenta l-proġett tad-Daħla tal-Imsida mħabbar ma' Infrastructure Malta. Qed inħarsu lejn dan il-qasam mhux biss bħala qasam kruċjali għall-konnettività iżda wkoll bħala żona li tista' sservi ta' spazju rikreattiv għan-nies", qal il-Ministru Farrugia.
Il-ministru spjega li permezz ta' dan il-proġett, installaw dawl ġdid fit-toroq, cctv cameras, sistema ġdida ta' irrigazzjoni, u faċilitajiet ġodda għall-irmiġġ u s-sidien tad-dgħajjes. Iż-żona ġiet imsebbħa biż-żieda ta' siġar ġodda li huma adattati għaż-żona, u nħolqot karreġġjata ġdida għar-roti, li tagħti prijorità liċ-ċiklisti.
Il-ministru spjega wkoll kif dan il-proġett, immexxi mill-GHRC, jikkumplimenta l-viżjoni tal-gvern għall-Port il-Kbir. "Irridu ngħollu l-livell ta' dan il-port u ż-żoni tal-madwar filwaqt li nżommu u nsaħħu l-aspett kummerċjali tiegħu, filwaqt li niżguraw li jkompli jattira diversi forom ta' investiment. Mhux biss tejjibna l-estetika, iżda żidna s-sigurtà għal dawk li se jgawdu l-proġett bil-mixi, bir-rota, jew saħansitra bid-dgħajsa", temm jgħid il-Ministru Farrugia.



