Inawgurat ix-xogħol ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Indipendenza
- Fil-15 ta' Diċembru 2023
Permezz ta' investiment ta' €350,000, tlesta proġett ta' riġenerazzjoni fi Pjazza Indipendenza fil-Belt Valletta. Ix-xogħlijiet saru mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) bħala parti mill-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Marsamxett, parzjalment kofinanzjat minn fondi Ewropej. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, fil-preżenza tas-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit u l-bqija tal-kunsill lokali.
"Pjazza Indipendenza hija spazju arkitettoniku u żona kulturalment sinifikanti, bil-Berġa ta' Aragona fuq naħa u l-Katidral Anglikan ta' San Pawl fuq in-naħa l-oħra. Għal din ir-raġuni, ix-xogħlijiet imwettqa mill-GHRC f'dan il-qasam ħallew riżultati importanti li reġgħu qajmu din il-pjazza storika. Pjazza li qabel kienet isservi bħala parkeġġ, b'vetturi pparkjati madwar il-monument iddedikat lil Dun Mikiel Xerri, issa ġiet pedonali permezz ta' deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-GHRC se tkun qed tikkonkludi aktar xogħol f'dan il-qasam tal-kapitali. Il-Ministru Farrugia qal li dan ix-xogħol, flimkien ma' oħrajn li saru fl-aħħar snin, irriġenera u ta dehra ġdida lil din iż-żona kollha tal-kapitali.
Il-proġett jinkludi:
- Il-bini mill-ġdid tas-servizzi kollha meħtieġa, inklużi servizzi ġodda ta' dawl u ilma li għaddew minn taħt l-art.
- Pilastri ġodda tal-iċċarġjar għal ħames vetturi elettriċi.
- Madwar 1,300 metru kwadru ta' bankini ġodda b'materjal tal-lava jirrispettaw il-wirt arkitettoniku tal-pjazza u dak ta' Triq il-Punent, maġenb il-pjazza. Dan jikkumplimenta r-restawr tal-Berġa ta' Aragona, iż-żona tal-Blata, u l-kunvent tal-Karmelitani.
- Elementi oħra, bħat-telefon u kaxxi tal-ittri qodma, ġew restawrati wkoll biex jinżammu l-karatteristiċi oriġinali tal-pjazza.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li r-riġenerazzjoni ta' Pjazza Indipendenza hija parti mill-proġett ERDF.06.996, li għandu aktar minn €19-il miljun f'fondi Ewropej allokati speċifikament għar-riġenerazzjoni tan-naħa t'isfel tal-Belt Valletta. "Rajna kif proġetti bħal dawn qed jgħinu biex jikkoordinaw azzjonijiet differenti biex itejbu l-iżvilupp sostenibbli ta' Malta, partikolarment dak tan-naħa t'isfel tal-Belt Valletta, filwaqt li fl-istess ħin itejbu l-kwalità tas-servizzi offruti lill-komunità lokali," ikkonkluda Dr Bonett.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal, "Bħala entità, qed nistennew bil-ħerqa li nkomplu nagħtu lok għal proġetti oħra f'diversi lokalitajiet skont il-viżjoni tal-gvern li joħloq aktar spazji miftuħa u jagħti lura żoni lill-pubbliku fi stat xieraq, fil-Port il-Kbir u l-Belt Valletta."