Xogħlijiet ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Indipendenza ġew inawgurati
Permezz ta' investiment ta' €350,000, tlesta proġett ta' riġenerazzjoni fil-Pjazza Indipendenza f'Il-Belt Valletta. Ix-xogħlijiet twettqu mill-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) bħala parti mill-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Marsamxett, parzjalment ikkofinanzjat minn fondi Ewropej. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, fil-preżenza tas-Sindku ta' Il-Belt Valletta Alfred Zammit u l-bqija tal-kunsill lokali.
"Il-Pjazza Indipendenza hija spazju arkitettoniku u żona ta' sinifikat kulturali, bl-Auberge d'Aragon fuq naħa waħda u l-Katidral Anglikan ta' San Pawl fuq in-naħa l-oħra. Għal din ir-raġuni, ix-xogħlijiet imwettqa mill-GHRC f'din iż-żona ħallew riżultati importanti li reġgħu tajru din il-pjazza storika. Pjazza li qabel kienet isservi bħala żona tal-parkeġġ, b'vetturi ipparkjati madwar il-monument iddedikat lil Dun Mikiel Xerri, issa saret pedonali permezz ta' deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Lokali ta' Il-Belt Valletta. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-GHRC se tkun qed tikkonkludi aktar xogħol f'din iż-żona tal-belt kapitali. Dan ix-xogħol, flimkien ma' ieħor li twettaq matul dawn l-aħħar snin, irriġenera u ta dehra ġdida lil din iż-żona kollha tal-belt kapitali, qal il-Ministru Farrugia.
Il-proġett jinkludi:
- Il-bini mill-ġdid tas-servizzi kollha meħtieġa, inklużi dwal ġodda u servizzi tal-ilma li ġew mgħoddija taħt l-art.
- Pilastri ġodda tal-ċarġjar għal ħames vetturi elettriċi.
- Madwar 1,300 metru kwadru ta' bankini ġodda b'materjal tal-lava li jirrispetta l-wirt arkitettoniku tal-pjazza u dak ta' Triq il-Punent, maġenb il-pjazza. Dan jikkomplimenta r-restawr tal-Auberge d'Aragon, iż-żona tal-Blata, u l-kunvent tal-Karmelitani.
- Elementi oħra, bħat-telefon u l-kaxxi tal-ittri l-qodma, ġew irrestawrati wkoll biex jinżammu l-karatteristiċi oriġinali tal-pjazza.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li r-riġenerazzjoni tal-Pjazza Indipendenza hija parti mill-proġett ERDF.06.996, li għandu aktar minn €19-il miljun ta' fondi Ewropej allokati speċifikament għar-riġenerazzjoni tan-naħa t'isfel ta' Il-Belt Valletta. "Rajna kif proġetti bħal dawn qed jgħinu jikkoordinaw azzjonijiet differenti biex jitjieb l-iżvilupp sostenibbli ta' Malta, b'mod partikolari dak tan-naħa t'isfel ta' Il-Belt Valletta, filwaqt li fl-istess ħin jitjieb il-kwalità tas-servizzi offruti lill-komunità lokali," ikkonkluda Dr Bonett.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal, "Bħala entità, qed nistennew bil-ħerqa li nkomplu nagħtu bidu għal proġetti oħra f'diversi lokalitajiet f'konformità mal-viżjoni tal-gvern li joħloq aktar spazji miftuħa u jagħti lura żoni lill-pubbliku fi stat adegwat, fi u madwar il-Port il-Kbir u Il-Belt Valletta."
