Dwar dan il-proġett
Il-fortifikazzjonijiet tal-front tal-art ta' L-Isla huma sensiela ta' fortifikazzjonijiet difensivi li darba kienu jestendu tul in-naħa ta' quddiem tal-peniżola minn Galley's Creek li tħares lejn il-Birgu sa French Creek li tħares lejn l-Għoljiet ta' Kordin. L-ewwel fortifikazzjonijiet inbnew b'riżultat tal-attakk Ottoman tal-1551, bil-bini ta' Forti San Mikiel jibda sena wara. Il-parti l-kbira tal-fortifikazzjonijiet inbniet matul l-għaxar snin ta' wara, u għalkemm kienet belt kważi vojta, il-Gran Mastru Claude de la Sengle onoraha bit-titlu ta' Citta la Sengle jew L-Isla kif inhi aktar magħrufa. Il-modifiki komplew sas-seklu 18, għalkemm partijiet kbar tal-fortifikazzjonijiet f'French Creek tħottu bejn is-seklu 19 u l-20.
Id-daħla prinċipali tal-belt hija mill-Bieb ta' Sant'Anna, protett mill-Bastjun ta' San Mikiel bil-ħitan każamattati tiegħu u l-echaugette (gardjola) kbira tiegħu. Demi-bastjun u counterguard li oriġinarjament kienu jgħaqqdu l-Bastjun ta' San Mikiel li jħares lejn Kordin tħottu fis-seklu 19. It-torri prominenti tal-arloġġ li ġie miżjud fl-1906 serva biex jgħid il-ħin lill-ħaddiema kollha u l-vapuri fit-tarżna tal-Admiralty. Il-Cavalier ta' San Mikiel oriġinarjament kien Forti San Mikiel, li tħott fl-1921, li minnu baqa' biss parti żgħira tal-bażi tiegħu. Fl-1924, il-gvern iddeċieda li jibni skola u sezzjoni oħra tal-fortifikazzjonijiet u l-parti l-kbira tal-forti ntilfet. Ħsara addizzjonali sofrita minn bumbardament mill-ajru fit-Tieni Gwerra Dinjija tista' għadha tidher fuq il-curtain wall u l-Maċina. Sadanittant, it-triq bl-għoli li twassal għall-belt ġiet ristrutturata u ġiet miftuħa arkata kbira ħdejn il-Bieb ta' Sant'Anna biex tiffaċilita t-traffiku. Fis-snin ta' wara, ġiet miżjuda t-tieni arkata biex tippermetti l-moviment liberu tat-traffiku 'l ġewwa u 'l barra mill-belt. Il-Bieb ta' Sant'Anna mbagħad sar biss għall-pedoni.
Wara t-tiswijiet u r-rikostruzzjoni ta' wara l-gwerra, saru ftit bidliet f'dawn il-ħitan, ħlief għal xi rinnovazzjoni lejn tmiem is-snin sebgħin.
F'April 2020, il-Grand Harbour Regeneration Corporation bdiet ix-xogħlijiet f'L-Isla biex tiġi riġenerata din il-parti tal-belt. Dawn ix-xogħlijiet imwettqa kkonsistew prinċipalment fir-restawr u t-tisbiħ tal-ħitan eżistenti li kienu f'kundizzjoni prekarja u perikoluża f'xi partijiet, it-torri tal-arloġġ u l-gardjola.

QabelWaraIl-proġett inqasam f'żewġ fażijiet; l-ewwel fażi inkludiet ir-restawr u t-tisbiħ tal-bibien ta' dħul għal L-Isla u r-restawr tat-torri tal-arloġġ. Dawn ix-xogħlijiet inkludew ir-restawr ta' 4,500m² ta' fortifikazzjonijiet, u 2,000m² tal-belvedere ta' fuq, fejn il-ġebel tal-massunerija tnaddaf minn veġetazzjoni mkabbra żżejjed, tebgħat, u tkabbir bijoloġiku filwaqt li karatteristiċi tal-ġebel bil-ħsara ġew imsewwija jew sostitwiti, skont il-kundizzjoni tagħhom. Ir-restawr u s-sostituzzjoni kollha tal-fetħiet tal-injam u tal-metall kienu fidili għad-disinn oriġinali tagħhom.
It-tieni fażi kienet ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza Giorgio Mitrovich, li minn tisbiħ li ilu ħafna mistenni ġiet riġenerata fi spazju miftuħ biex jitgawda kemm mill-lokali kif ukoll mill-viżitaturi ta' din il-belt storika.
Se tiġi installata sistema ġdida fjamant ta' dawl arkitettoniku biex tikkumplimenta d-dawl eżistenti, l-għamara tat-triq, il-kameras tas-CCTV u titħaddan bi ħxejjex indiġeni.







